PR - 05.08.24
Bżonn ta’ standards u normalità meta jingħataw it-tenders
Hekk kif għaddiet ġimgħa minn meta l-Partit Nazzjonalista talab għal investigazzjoni mill-Awditur Ġenerali dwar il-kuntratt ta’ €600 miljun b’rabta mal-Inċineratur fil-Magħtab, wieħed jistenna li f’pajjiżna jkun hawn standards u normalità meta jingħataw it-tenders biex ma nerġgħux naraw l-istess storja tal-Vitals.
Dan kien il-messaġġ li ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Ministers Rebekah Borg u Eve Borg Bonello, li spjegaw kif pajjiżna qed jibqa’ jieħu passi lura minflok ‘il quddiem, b’detriment għall-poplu Malti u Għawdxi.
Il-kelliema qalu li l-Partit Nazzjonalista qed jappella biex issir investigazzjoni quddiem l-inkompetenza tal-Wasteserv wara li l-Gvern Laburista kien wiegħed li pajjiżna jkollu inċineratur li jibda jopera mill-2022, iżda s’issa għadna mingħajru. Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista jħoss li Miriam Dalli mhix tajba għall-kariga li tokkupa.
Kawża ta’ dan, pajjiżna għandu problema ta’ skart akbar minn qatt qabel għax la qed jesporta l-iskart u wisq anqas għandu inċeneratur jopera. Madankollu, s’issa ħadd ma għadu refa’ r-responsabbiltà għal dan in-nuqqas. Minflok, Wasterserv qed tibqa’ tgħid li m’hemm xejn ħażin, anke minkejja li l-Qorti kkonfermat li dan it-tender qatt ma messu ngħata.
Il-kelliema tennew li suppost ma wasalniex s’hawn għax f’pajjiż normali jitwaqqaf kollox. Iżda, sfortunatament, pajjiżna mhux normali, bi Gvern li jipprova jgħaddi romblu minn fuq il-Maltin u l-Għawdxin qisu xejn mhu xejn.