PR - 28.06.2024
Il-Gvern għadu ma għamel xejn ġimgħa wara li l-Qorti annullat tender ta’ €600 miljun
Għaddiet ġimgħa mid-deċiżjoni tal-Qorti li tannulla tender tal-Gvern b’valur ta’ €600 miljun u għadu ma ġara xejn. Min se jerfa’ responsabbiltà? Robert Abela, Miriam Dalli, Clyde Caruana jew xi ħadd ieħor mill-Kabinett?
Dan kien il-messaġġ li ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Ministers Rebekah Borg u Ryan Callus, li nnotaw kif id-deċiżjoni tal-Qorti uriet il-prassi tal-Gvern ta’ Robert Abela, fejn issa drajna sew li hu mimli kuntratti vvizjati.
Il-kelliema nnutaw kif il-Gvern Laburista qed jibqa’ jkaxkar saqajh biex pajjiżna jkollu inċineratur minkejja li din kienet wegħda li ilha ssir għal snin sħaħ. Mhux talli hekk, talli l-kelma inċineratur lanqas biss tissemma’ mqar darba fil-Manifest Elettorali li l-Partit Laburista ppreżenta sentejn ilu.
B’differenza, il-Partit Nazzjonalista ilu għal dawn l-aħħar snin jappella lill-Gvern biex ikun parzjali u jassigura li jkun hemm tender bla ebda kunflitt ta’ interess. Barra minhekk, il-Partit Nazzjonalista ilu s-snin ukoll jipproponi li jsir inċineratur u, li kieku l-Gvern Laburista beda jaħdem fuqu, dan ilu jopera għal dawn l-aħħar sentejn u mhux għadu jarmi l-iskart fil-Magħtab.
Quddiem dan kollu, pajjiżna ħaqqu tmexxija denja u mhux tmexxija fejn il-poplu jmur minn taħt biex igawdu dawk tal-qalba. Jixraqlu amministrazzjoni nadifa tal-fondi pubbliċi għax dawk huma flus il-poplu u mhux flus Robert Abela, Miriam Dalli jew Clyde Caruana.