PR - 02.05.25

Il-Gvern għandu jkun trasparenti mal-poplu u jippubblika minnufih l-carrying capacity study dwar Kemmuna

Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex minnufih jippubblika l-istudju dwar kemm tiflaħ nies (carrying capacity study) Kemmuna, li skont l-istess Gvern ilu lest, iżda għadu qed jinżamm moħbi mill-poplu.

Il-fatt li l-Gvern qed iħabbar deċiżjonijiet ibbażati fuq studju li mbagħad qed jirrifjuta li jippubblika hija allarmanti u turi nuqqas ta’ trasparenza. Jekk l-istudju jeżisti u hu lest, allura ma hemm l-ebda raġuni biex ma jiġix ippubblikat mill-ewwel.

Din hija gżira protetta, sensittiva mill-aspett ambjentali, u kull deċiżjoni li tittieħed dwar l-aċċess u l-użu tagħha trid tkun ibbażata fuq evidenza xjentifika u mhux fuq kalkoli politiċi jew pressjonijiet kummerċjali. Il-poplu jista' jkun ċert minn dan biss jekk jiġi ppubblikat ir-rapport.

Il-pubbliku Għawdxi u Malti għandu d-dritt ikun jaf fuq liema bażi xjentifika l-Gvern qed jippjana miżuri bħal dawk tal-kontroll tal-viżitaturi fil-Blue Lagoon. Il-ħolqien ta’ sistema ta’ bookings jew limiti artifiċjali bla ma jsir magħruf jekk dawn humiex sostenibbli, huwa eżempju ċar ta’ kif il-Gvern qiegħed jaħbi informazzjoni fundamentali li għandha tkun pubblika.

Bit-trasparenza biss nistgħu nassiguraw li jkun protett dan il-wirt naturali uniku.

Il-Gvern għandu jkun trasparenti mal-poplu u jgħid b’mod ċar fuq xiex ibbaża d-deċiżjonijiet tiegħu.

Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jagħmel pressjoni biex Kemmuna tiġi protetta bl-aħjar mod possibbli, għalina u għal dawk li ġejjin warajna.

 

Alex Borg

Shadow Minister għal Għawdex

Mario De Marco
Shadow Minister għat-Turiżmu

Rebekah Borg

Shadow Minister għall-Ambjent

Previous
Previous

PR - 07.05.25

Next
Next

PR - 30.04.25