PR - 02.04.25

L-Oppożizzjoni tirrifjuta li tipparteċipa fiċ-ċajta tal-1 ta’ April tal-Prim Ministru

Toħroġ ’il barra minn laqgħa ta’ Kumitat Parlamentari li matulha l-PN intalab japprova l-ħatra ta’ Carmen Ciantar meta d-deċiżjoni li tinħatar ilha li ttieħdet mill-Prim Ministru

L-Oppożizzjoni lbieraħ irrifjutat li tipparteċipa fiċ-ċajta tal-1 ta’ April tal-Prim Ministru Robert Abela u ħarġet ’il barra minn laqgħa tal-Kumitat Parlamentari dwar il-Ħatriet Pubbliċi li matulha ttieħed vot biex Carmen Ciantar tinħatar Chairperson Eżekuttiv tal-Aworità tal-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) meta d-deċiżjoni li tinħatar kienet ilha li ttieħdet minn Abela minn wara dahar il-Parlament.

Il-Partit Nazzjonalista mhux lest ikun parteċipi jew joqgħod għal-logħob anti-demokratiku ta’ Abela u l-Gvern tiegħu, li qed ikomplu jużaw l-Parlament biex jibqgħu għaddejjin minn fuq l-Oppożizzjoni Nazzjonalista.

Matul il-laqgħa tal-bieraħ, il-Membri tal-Oppożizzjoni f’dan il-Kumitat tal-Kamra kienu mitluba japprovaw lil Ciantar fil-kariga permezz ta’ vot, minkejja li fil-laqgħa preċedenti tal-Kumitat kien żvelat li Ciantar diġà kienet imniżżla bħala Chairperson Eżekuttiv tal-MCCAA fid-direttorju  intern tal-istaff tal-gvern.

Fil-fatt, dakinhar, wara l-oġġezzjonijiet tal-Membri tal-PN fuq dan il-Kumitat, il-laqgħa tal-Kumitat kellha tiġi aġġornata wara li l-Kumitat irrifjuta li jisma’ lil Ciantar u aġġorna għall-bieraħ biex jiġu msejħa quddiem il-Kumitat persuni li setgħu jagħtu l-verżjoni tagħhom dwar dan.

Ilbieraħ dehret quddiem il-Kumitat l-Inġinier Helga Pizzuto li minkejja li ġiet magħżula Ciantar minflokha, lanqas biss kienet infurmata dwar dan, u l-kuntratt tagħha jiskadi f’Lulju li ġej. L-ispjegazzjonijiet mogħtija matul il-laqgħa tal-bieraħ ma kinux sodisfaċenti biex ineħħu dubji ta’ irregolarità f’dan il-proċess farsa biex issir il-ħatra ta’ Ciantar u għalhekk il-Membri tal-Oppożizzjoni telqu ’l barra mil-laqgħa.

Dan tal-bieraħ kien tentattiv ieħor ta’ Robert Abela li jiżmantella sistematikament l-għodod demokratiċi li jistgħu b’xi mod ma jagħmlux dak li jgħidilhom.

Jekk il-Prim Ministru kien verament komdu bin-nomina li ressaq quddiem il-Kumitat għall-approvazzjoni, kellu jħalli lill-Membri tal-Kumitat jgħaddu ġudizzju mingħajr xkiel. Minflok, ittratta lill-Kumitat u lill-Parlament bħala sempliċi rubber stamp għal dak li kien diġà ddeċieda, f’turija sfaċċata ta’ disprezz u stmerrija lejn l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.

Carmen Ciantar hija attivista veterana tal-Labour u li kemm ilu fil-Gvern il-Partit Laburista ffangat sew. Dan ir-rwol ġdid fl-MCCAA ingħata lil Ciantar wara li, ftit xhur biss qabel, tkeċċiet minn kariga oħra li kellha mal-Gvern bħala Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS), li għaliha kienet titħallas €160,000 fis-sena.

Ciantar kienet appuntata biex tmexxi l-FMS meta Chris Fearne kien Ministru għas-Saħħa u għal xi żmien, waqt li kienet f’din il-kariga, serviet ukoll bħala Chief of Staff tiegħu. Ftit biss wara li l-Labour tela’ fil-Gvern, kienet ikkampanjat għall-eks Ministru Konrad Mizzi, li kien appuntaha wkoll CEO tal-ARMS. Eventwalment bdiet tappoġġja lil Chris Fearne.

Wara li l-Kumitat Parlamentari għall-Ħatriet Pubbliċi – fejn il-Gvern għandu maġġoranza – ilbieraħ baqa’ għaddej u approva lil Ciantar f’din il-kariga, il-Membri tal-Oppożizzjoni f’dan il-Kumitat se jkomplu jsegwu dan il-każ biex jiżguraw li jissaħħu l-proċeduri u s-setgħat ta’ dan il-Kumitat biex każi bħal dawn ma jerġgħux iseħħu.

 

Rebekah Borg
Membru tal-PN fil-Kumitat Permanenti għall-Ħatriet Pubbliċi

Adrian Delia
Membru tal-PN fil-Kumitat Permanenti għall-Ħatriet Pubbliċi

Julie Zahra
Membru tal-PN fil-Kumitat Permanenti għall-Ħatriet Pubbliċi

Previous
Previous

PR - 08.04.25

Next
Next

PR - 27.03.25